FAQs

Iċ-Ċentru Nazzjonali tat-Tossikoloġija jipprovdi pariri professjonali immedjati wara każijiet ta’ overdose jew espożizzjoni għal sustanzi tossiċi.

Ċemplilna jekk int jew xi ħadd qrib tiegħek ġejtu f’kuntatt ma’ velenu jew sustanza li tista’ tikkawża ħsara.

Velenu huwa kwalunkwe sustanza li tista’ tagħmel ħsara lil ġisem. Kuntrarju għat-twemmin popolari, kwalunkwe sustanza tista’ tkun velenuża. Dan jinkludi mediċini, drogi, kimiċi domestiċi u industrijali, batteriji, dħaħen tossiċi, pjanti, annimali (bħall-insetti u l-bram), u aktar.

Is-servizz tagħna huwa disponibbli għal kulħadd, inkluż għall-pubbliku u għall-professjonisti tas-saħħa.

Il-helpline tagħna huwa miftuħ kuljum, inklużi l-Ħdud u l-festi pubbliċi, mit-8:00 a.m. sat- 8:00 p.m.

Għidilna liema sustanza kienet involuta, l-ammont li ttieħed, u l-ħin tal-espożizzjoni. Neħtieġu wkoll id-dettalji tiegħek u informazzjoni dwar il-persuna esposta, eżempju il-piż, biex nevalwaw ir-riskju b’mod preċiż.

Jekk l-espożizzjoni tiġri barra mill-ħinijiet tal-helpline tagħna, żur ċentru tas-saħħa jew id-Dipartiment tal-emerġenza, skont il-gravità tas-sitwazzjoni. It-Tossikoloġisti Kliniċi huma disponibbli 24 siegħa kuljum biex jassistu lit-tobba li jaħdmu f ’dawn l-entitajiet.

Jekk tissuspetta li stajt ġejt avvelenat, tista’ tikkuntattjana għal gwida dwar il-passi li għandek tieħu, anki meta tkun imsiefer. F’dak il-każ tista’ ċemplilna fuq +356 2559 4600.

L-avvelenament tal-ikel normalment huwa kkawżat mill-batterji (bacteria) u ħafna drabi jeħtieġ trattament bl-antibijotiċi. L-aħjar hu li tikkonsulta lit-tabib tiegħek. Iżda, jekk tinsab f’dubju, ċemplilna.