FAQs
Il-Malta National Poisons Centre jipprovdi pariri u appoġġ professjonali immedjat f’każijiet ta’ dożi eċċessivi jew esponiment għal sustanzi tossiċi.
Ċemplilna jekk inti, jew xi ħadd qrib tiegħek, ġejt f’kuntatt ma’ velenu jew sustanza li potenzjalment tista’ tikkawża ħsara, kemm jekk dan seħħ b’mod aċċidentali kif ukoll jekk b’mod intenzjonat.
Velenu huwa kwalunkwe sustanza li tista’ tikkawża ħsara lill-ġisem. Kuntrarjament għal dak li ħafna jaħsbu, kważi kull sustanza tista’ tkun velenuża jekk tittieħed b’mod eċċessiv. Dan jinkludi mediċini, drogi, kimiċi domestiċi u industrijali, batteriji, dħaħen tossiċi, pjanti, u annimali velenużi bħal insetti u bram.
Is-servizz tagħna huwa disponibbli għal kulħadd, inklużi membri tal-pubbliku u professjonisti fil-qasam tas-saħħa.
Il-helpline tagħna hija miftuħa kuljum, inklużi l-Ħdud u l-festi pubbliċi, mit-8:00 ta’ filgħodu sat-8:00 ta’ filgħaxija.
Jekk jogħġbok ipprovdi informazzjoni dwar is-sustanza involuta, l-ammont li ttieħed jew li għalih kien hemm esponiment, u l-ħin tal-esponiment. Ser nistaqsu wkoll dettalji dwar il-persuna esposta, bħall-età u l-piż, sabiex nevalwaw ir-riskju b’mod preċiż u nipprovdu parir adekwat.
Jekk l-esponiment iseħħ barra l-ħinijiet tal-helpline, mur f’ċentru tas-saħħa jew fid-Dipartiment tal-Emerġenza, skont il-gravità tas-sitwazzjoni. It-Tossikologi Kliniċi huma disponibbli 24 siegħa kuljum sabiex jappoġġjaw lit-tobba li jaħdmu f’dawn is-servizzi.
Iva. Jekk tissuspetta avvelenament waqt li tkun imsiefer, xorta tista’ tikkuntattjana għal gwida dwar il-passi xierqa li għandek tieħu. F’dawn il-każijiet, tista’ ċċemplilna fuq +356 2559 4600.
L-avvelenament mill-ikel (food poisoning) ġeneralment ikun ikkawżat minn batterji (bacteria) u ħafna drabi jeħtieġ evalwazzjoni medika u trattament bl-antibijotiċi. F’dan il-każ, aħjar tikkonsulta lit-tabib tiegħek. Madankollu, jekk tinsab f’dubju, xorta tista’ ċemplilna.